Niddisinjaw ir-reżistenza għall-antimikrobiċi
Merħba għall-istorja kompluta
Hemm dinja fina u madwarna, inviżibbli, antika, u ħajja. Univers ta’ mikrobi li jgħinuna niddiġerixxu l-ikel, nipproteġu l-ġilda tagħna u nżommu l-ekosistemi bbilanċjati. Il-biċċa l-kbira tagħhom jgħixu f’armonija magħna, iżda xi wħud jistgħu jikkawżaw il-mard. U, bħal kull forma ta’ ħajja, dawn jadattaw biex jgħixu. Meta jitgħallmu kif jifilħu l-mediċini li jkunu ġew maħluqa biex iwaqqfuhom, niltaqgħu ma’ waħda mill-isfidi tas-saħħa l-aktar urġenti ta’ żmienna: ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR).
L-antibijotiċi u antimikrobiċi oħra huma fost l-aktar skoperti straordinarji tal-umanità. Biddlu l-kors tal-istorja: infezzjonijiet li xi darba kienu fatali saru kurabbli, għamlu l-interventi kirurġiċi sikuri, u jgħinu lilna u lill-annimali tagħna ngħixu aktar fit-tul. Madankollu, aktar kemm nużawhom, u nużawhom ħażin, aktar nitilfu l-kapaċità li nfiqu bihom. Din it-trasformazzjoni inviżibbli tiżvolġi kullimkien: fl-isptarijiet u fid-djar, fl-irziezet, fix-xmajjar, u fil-ħamrija ta’ taħt saqajna.
Iżda din l-istorja mhix waħda ta’ biża’. Hija waħda ta’ għarfien, kura u konnessjoni. Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi tfakkarna li s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent huma minsuġa fl-istess pezza drapp. Kull ġest – li naħslu jdejna, li nlaqqmu l-annimali domestiċi tagħna, li nużaw l-antibijotiċi biss meta jkun hemm bżonn, jew li narmuhom kif suppost – jgħin biex jipproteġi l-bilanċ.
X’inhi din il-kampanja?
Din il-kampanja hija stedina biex nagħtu ħarsa iktar mill-qrib: biex niskopru s-sbuħija ta’ dinja mikrobika bbilanċjata u s-setgħa li għandna biex nippreservawha.
“Sketching Antimicrobial Resistance” jlaqqa’ 30 illustratur minn 30 pajjiż Ewropew differenti biex titqajjem kuxjenza dwar l-AMR, b’mod li jgħaqqad l-arti u x-xjenza. Kull illustrazzjoni u messaġġ jirrakkontaw parti minn din l-istorja komuni, waħda li tappartjeni lilna lkoll: l-importanza li nippreservaw sitwazzjoni fejn l-antimikrobiċi jaħdmu. Xogħlijiet tal-arti differenti jenfasizzaw ir-rilevanza li jsir użu responsabbli tal-mediċini fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, li jiġu adottati prattiki tajba ta’ iġjene u tilqim, jew li l-mediċini jintremew kif suppost biex jitnaqqas it-tixrid tal-AMR fl-ambjent kif ukoll l-impatt li għandha fuq il-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Li nieħdu ħsieb l-antibijotiċi tagħna jfisser li nieħdu ħsieb il-ħajja nnifisha.
“L-illustrazzjonijiet
L-antibijotiċi u antimikorbiji oħra huma fost l-akbar kisbiet tal-umanità. Dawn il-mediċini siewja għenu kemm lill-bnedmin kif ukoll lill-annimali jgħixu ħajja itwal u aktar b’saħħitha. Iżda qed jitilfu l-effettività tagħhom. Aktar ma n-nies jifhmu għaliex, aktar nistgħu nagħmlu flimkien biex inżommu l-qawwa tagħhom. Billi naqsam dak li nafu u nappoġġjaw l-użu responsabbli, ngħinu niżguraw li dawn l-għodod li jsalvaw il-ħajja jibqgħu effettivi — għalina, għall-ġenerazzjonijiet futuri u għall-pjaneta. Ingħaqad mal-komunità globali tal-Ambaxxaturi tas-Simbolu AMR! INĦOBBU L-ANTIBIJOTIĊI TAGĦNA!
L-Albun Illustrat
Mod differenti biex tgħid l-istorja tal-AMR: viżiv, qrib u li jinvolvi. Riżorsa qawwija għall-edukazzjoni, l-avvenimenti u l-attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, u rigal sinifikanti biex tixxerja l-importanza tal-preservazzjoni tal-qawwa tal-antimikrobiċi.
Disponibbli wkoll f’format diġitali.
L-Esebizzjoni
Akkumpanjati b’gwida awdjo, l-esebizzjonijiet joffru mod kreattiv biex ir-reżistenza antimikrobika ssir viżibbli u aċċessibbli għal kulħadd fl-ispazji pubbliċi
Id-dinja mikrobika hija diversa
“L-ekosistema diversa tal-mikrobi li jgħixu madwarna u ġo fina ma narawhiex b’għajnejna. Il-biċċa l-kbira tagħhom jaqdu rwoli importanti biex jipproteġuna u jżommu d-dinja f’bilanċ, iżda xi wħud jistgħu jsiru perikolużi u jikkawżaw infezzjoni. Din l-istorja hija inkoraġġiment dwar kif aħna lkoll poplu differenti u lkoll għandna rwol x’naqdu biex ikollna bilanċ u armonija”.
Ashwin Chacko (Ireland)
X’inhuma l-antimikrobiċi u għal xiex iservu?
“L-għan tiegħi huwa li niġbed l-attenzjoni għall-affarijiet li għandna t-tendenza li ma napprezzawx fil-ħajja ta’ kuljum. Bħall-elettriku fi djarna, l-antimikrobiċi kienu għadhom xi ħaġa inkonċepibbli ftit aktar minn mitt sena ilu. Mard li xi darba kien jidher fatali u inevitabbli llum sar fil-biċċa l-kbira tiegħu kurabbli. Għalhekk li nistieden lill-ispettatur jieqaf għal mument, u jidħol f’din id-dinja kkulurita u diversa u jirrifletti fuq dawn l-assistenti inviżibbli li jagħmlu dan kollu possibbli”.
X’inhi r-reżistenza għall-antimikrobiċi jew l-AMR?
“Immaġina mikrobu tant b’saħħtu li jsir aktar b’saħħtu mill-mediċini stess. Din hija r-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR). Xi mikrobi, spiss magħrufa bħala “superbugs”, jieqfu jirrispondu għat-trattament u jagħmlu saħansitra infezzjonijiet sempliċi problema serja għas-saħħa u l-kura tas-saħħa. U l-problema hija din: dawn diġà qegħdin fostna. Huwa f’idejna lkoll li nkunu kurjużi, infurmati u ngħinu biex inwaqqfu din il-problema milli timmultiplika”.
Kif tiżviluppa l-AMR?
“L-illustrazzjoni, fis-sempliċità tagħha, turi kif il-batterji u l-mikrobi jimmodifikaw lilhom infushom biex jgħixu. L-iskambji tad-DNA jwasslu għall-ġenesi ta’ batterju ġdid reżistenti għall-antibijotiċi (fis-silwett tal-bniedem), u l-unika wieħed li jibqa’ ħaj minkejja l-kapsula miftuħa, li m’għandha l-ebda effett fuqu”.
Proċess naturali aċċellerat mill-bnedmin
“Anki jekk ir-reżistenza għall-antimikrobiċi hija proċess naturali, l-azzjonijiet tal-bniedem jaċċelerawha. Il-mediċini li qed jiżolqu mill-idejn jissimbolizzaw l-inkapaċità tagħna li nikkontrollaw l-effetti tagħhom kompletament, li jista’ jwassal għal żieda fis-superbugs. Aktar ma niġġieldu l-batterji u mikrobi oħra, aktar irridu niżguraw l-użu xieraq tal-antibijotiċi u ta’ antimikrobiċi oħra”.
Kif tinfirex ir-reżistenza?
“Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi m’għandhiex fruntieri. Bħala bnedmin, mhux dejjem inkunu konxji minn dan. Imma jekk tħares b’attenzjoni lejn l-istampi u l-kuluri, tara l-mikrobi li jivvjaġġaw bl-ajru, mill-ilma, fl-iskart, permezz tal-annimali…”
Dinja ta’ Saħħa waħda
“Xi kultant in-nies jinsew li qed jgħixu f’ekosistema fejn kull annimal, pjanta, u persuna jikkondividu l-istess riżorsi. Aħna parti minn din id-dinja daqskemm hija parti minna.
Is-saħħa u l-benesseri tagħna huma marbuta ħafna man-natura u l-ħlejjaq ħajjin kollha ta’ madwarna. Din hija tfakkira ħafifa biex napprezzaw il-pjaneta tagħna u ngħixu f’armonija magħha, aktar milli nisfruttaw u nikkontaminaw ir-riżorsi tagħha bla heda”.
L-AMR qed tipperikola s-saħħa globali
“Il-ġisem ta’ din il-mara jaħdem bħal miżien jew kejl tat-theddida globali li taffettwana lkoll. Flimkien mal-ammont estensiv ta’ antimikrobiċi li jinsabu ġewwa fiha, il-batterji qegħdin isiru aktar b’saħħithom, isiru reżistenti u jdgħajfu saħħitha, kif ukoll is-saħħa tagħna”.
L-AMR tipperikola serjament il-progress tal-mediċina moderna
Dikjarazzjoni tal-artist
“Immaġina dinja mingħajr il-mediċina moderna… tkun dinja mimlija dwejjaq.
Fl-illustrazzjoni hemm rappreżentazzjonijiet viżwali tal-ħajja, ta’ fjuri li qed jiftħu u ta’ friefet li jissimbolizzaw it-twelid mill-ġdid. Tidher il-mewt ukoll, u l-fraġilità tal-ħajja, ta’ tamiet li sfaxxaw, il-kollass ta’ għodod mediċi u klessidra li tenfasizza l-urġenza ta’ kif id-deċiżjonijiet u l-għażliet jikkawżaw ħela ta’ ħin u mwiet.
Titqajjem kuxjenza billi jintwerew żewġ kmamar mibdula, li juru l-vantaġġi u l-iżvantaġġi, id-dawl u d-dlam, it-tama u l-biża’. Bir-rappreżentazzjoni tar-reżistenza għall-antimikrobiċi mhux biss bħala fenomenu bijoloġiku komuni iżda bħala riskju perikoluż għall-avvanz mediku, għat-terapiji li jsalvaw il-ħajja, għall-proċeduri ta’ rutina u għall-konsegwenzi globali fuq is-saħħa”.
L-AMR qed toħloq problemi fis-sistemi tas-Saħħa u l-ekonomiji nazzjonali
Dikjarazzjoni tal-artist
“Il-piż tar-reżistenza. Mewġa ta’ mediċini u mezzi timxi ‘l quddiem, u toħloq pressjoni fuq il-ħitan fraġli tal-isptarijiet. Kull trattament, kull tentattiv għal fejqan, kull ġlieda kontra r-reżistenza ġġorr l-ispiża tagħha stess.
Wara kull fejqan hemm iż-żmien, ir-riżorsi, u l-ħidma kwieta ta’ persuni li jgħinu jippreservaw il-ħajja. Hekk kif ir-reżistenza tikber, il-fejqan jieħu aktar fit-tul, u l-bilanċ bejn il-fejqan u l-ispiża jibda jagħmel pressjoni, li tagħfas fuq l-istruttura tal-kura. Id-dawl fraġli ta’ dan il-piż jolqotna lkoll, fl-isptarijiet, fid-dar, fir-ritmu mhux osservat tal-ħajja ta’ kuljum. Li nipproteġu dan id-dawl ifisser li nipproteġu dak li jżommna ħajjin”.
L-AMR qed iddgħajjef is-saħħa u l-benesseri tal-annimali
“Hemm rabta profonda bejn il-bnedmin u l-annimali tal-irziezet, mibnija fuq dipendenza reċiproka. L-essenza ta’ din ir-relazzjoni għandha tkun l-attenzjoni tagħna, il-kapaċità li nipperċepixxu u nifhmu l-ħtiġijiet tal-annimali.
Din l-illustrazzjoni turi li l-bniedem qiegħed fuq l-istess livell tal-annimali, iħares lejhom, konxju li l-eżistenza tagħhom hija marbuta mill-qrib ma’ tiegħu”.
L-AMR qed tpoġġi s-sigurtà tal-ikel f’riskju
“Il-metafora tad-dominos tenfasizza kif ir-reżistenza għall-antimikrobiċi tista’ tiddestabilizza l-katina alimentari kollha. Meta titfaċċa r-reżistenza, l-impatti joħolqu mewġa ’l barra, mill-produzzjoni tal-ikel sal-ikliet fuq l-imwejjed tagħna. Il-biċċa li qed taqa’ tenfasizza li r-reżistenza għall-antimikrobiċi mhux ikkontrollata tista’ tħalli lakuni fin-nutriment globali, filwaqt li thedded is-sigurtà tal-ikel u l-benesseri ta’ biljuni ta’ persuni. Din ir-reazzjoni katina turi kemm hija fraġli s-sistema. Ladarba taqa’ biċċa waħda, l-oħrajn malajr jaqgħu wkoll”.
L-AMR taffettwa lill-annimali domestiċi tagħna wkoll
“Aħna nħobbu l-annimali domestiċi tagħna, u huma bħal familja għalina! Aktar ma ngħixu mill-qrib mal-annimali ta’ kumpanija tagħna, aktar ma għandna nkunu konxji dwar l-iġjene. Din l-illustrazzjoni turi diversi modi kif aħna jkollna rabta mal-annimali domestiċi tagħna, kemm emozzjonalment kif ukoll fiżikament. B’dan il-mod il-mikrobi reżistenti jistgħu faċilment jgħaddu minna lejn l-annimali u viċe versa.”
L-AMR qed tinfirex fin-natura
“L-illustrazzjoni tiegħi, li pinġejt bl-idejn biż-żebgħa akrilika, tenfasizza l-innoċenza u l-purità tan-natura, kif ukoll il-vulnerabbiltà tagħha għar-reżistenza għall-antimikrobiċi. Tenfasizza kif l-attività tal-bniedem, u r-rimi mhux xieraq tal-iskart farmaċewtiku, jistgħu jxerrdu mikrobi reżistenti fl-ambjent tagħna mingħajr ma aħna nindunaw”.
L-AMR tilħaq anke l-aktar żoni selvaġġi
Dikjarazzjoni tal-artist
“Aħna naħsbu dwar in-natura selvaġġa bħala sistema separata u magħluqa, li mhix marbuta mal-ħajja impenjata tagħna fil-bliet u fl-abitazzjonijiet umani. Turi kemm naħsbu li aħna konnessi ftit f’termini ta’ saħħa, bħallikieku hemm ċrieki differenti tal-ħajja, li jikkoeżistu iżda qatt ma jikkoinċidu.
L-idea ta’ snowglobe tfakkarna f’xi ħaġa li tidher qisha organiżmu magħluq, ambjent li la nistgħu naċċessawh u lanqas nibdluh mal-ewwel daqqa t’għajn. Madankollu, ladarba nċaqilquh, ninfluwenzaw it-tixrid tal-borra u din l-influwenza tkun tiġi minn forza esterna. Pinġejt dan il-globu mxaqqaq, biex nenfasizza kif dawn is-sistemi ekoloġiċi mhumiex, fil-fatt, separati daqs kemm jidhru”.
L-antimikrobiċi huma mediċini prezzjużi u għandhom jiġu ġestiti b’attenzjoni
“F’din l-illustrazzjoni, l-antibijotiku jiġi ttrattat bħal kapulavur għall-wiri f’mużew, bħall-Mona Lisa fil-Louvre. Il-folol jinġabru biex jammiraw is-sbuħija eterna, il-valur imprezzabbli u l-attenzjoni li jeħtieġ. Bħalma ngħożżu l-opri tal-arti għall-futur, irridu wkoll nissalvagwardjaw dawn il-mediċini li jsalvaw il-ħajja. Ix-xjentisti, bħal artisti kbar, huma l-ħallieqa ta’ dawn it-teżori, u hija r-responsabbiltà tagħna li nipproteġu x-xogħol tagħhom, sabiex il-valur tagħhom jibqa’ validu għal ġenerazzjonijiet futuri”.
L-antimikrobiċi għandhom jittieħdu biss b’parir mediku
“Ġejt ispirat minn murali modernisti tal-Ewropa tal-Lvant u mużajki li jżejnu bini pubbliku bħal sptarijiet, skejjel, u istituzzjonijiet simili. L-idejn miftuħa u l-pilloli li qed jaqgħu jirreferu għall-użu żejjed tal-antibijotiċi. Iż-żewġ figuri juru tabib li qed jikteb riċetta u pazjent, akkumpanjat mis-simbolu tar-reżistenza għall-antimikrobiċi, biex infakkar li l-antimikrobiċi għandhom jintużaw biss fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ tabib”.
Li twaqqaf it-trattament bl-antimikrobiċi malajr wisq jagħti ċans ieħor lill-mikrobi li jagħmlu l-ħsara
Dikjarazzjoni tal-artist
“Il-mediċini għandhom jittieħdu eżatt kif ordnat, fil-ħin xieraq u għat-tul kollu tat-trattament. Li tkun konsistenti u li ssegwi l-istruzzjonijiet huma kruċjali għall-protezzjoni kemm tas-saħħa personali kif ukoll tal-effettività tal-antimikrobiċi.
L-illustrazzjoni twassal dan il-messaġġ billi turi persuna tieħu pillola f’sitt passi distinti. Is-sekwenza tenfasizza l-aderenza b’attenzjoni għar-rutini tal-medikazzjoni.” outines.
L-antibijotiċi ma jaħdmux għal infezzjonijiet virali bħall-influwenza
“Huwa importanti li wieħed jifhem li l-antibijotiċi m’għandhom l-ebda effett fuq il-viruses, iżda fuq il-batterji biss. Għalhekk, għandhom jintużaw b’mod responsabbli u biss meta jkun meħtieġ. Għal xi raġuni f’moħħi kelli xena ġewwa ristorant. Immaġinajt viruses jiltaqgħu mal-antibijotiċi fuq il-mejda tal-pranzu. Jekk xi ħadd jaħseb li l-viruses jistgħu jingħataw l-antibijotiċi biex jagħmlulhom il-ħsara, ikollu żball. Il-viruses lanqas biss jafu x’għandhom jagħmlu bihom”.
L-annimali tar-razzett f’saħħithom m’għandhomx bżonn antimikrobiċi
“Pinġejt nagħġa li qed tgħix l-aħjar ħajja tagħha, kif l-annimali kollha għandhom jagħmlu. Politikant, protestant, bidwi, u “persuna ordinarja” jissimbolizzaw li lkoll nistgħu nikkontribwixxu. Bi drawwiet tal-konsumatur tajbin, azzjoni politika, u prattiki tal-biedja tajbin, nistgħu naħdmu flimkien biex niżguraw li l-annimali tal-irziezet tagħna jkunu f’saħħithom, kuntenti, u ma jkollhomx bżonn antibijotiċi. Dan huwa tajjeb għall-annimali, iżda wkoll tajjeb għalina għaliex ifisser li huwa aktar probabbli li l-antibijotiċi jaħdmu meta jkollna bżonnhom”.
Kura tajba tevita l-użu tal-antimikrobiċi fl-annimali domestiċi
“Xi ftit imħabba u kura hija ħafna għall-annimali domestiċi tagħna. Drawwiet ta’ kuljum, bħal ippettnar, spazji nodfa, nutriment tajjeb, u check-ups u tilqim regolari – jgħinu biex l-annimali domestiċi tagħna jinżammu b’saħħithom, kuntenti u jiġi evitat il-bżonn għall-antibijotiċi”.
Il-veterinarji jgħinu biex jipproteġu saħħet kulħadd
“Sibtha xi ħaġa umoristika li naħseb dwar kif il-kunċett ta’ “batterji” huwa kompletament inkomprensibbli u stramb għall-annimali. U meta ħsibt dwar dan aktar, irrealizzajt li l-kunċett huwa xi ftit inkomprensibbli għalija wkoll. Naf li jeżistu — iżda dan nafu biss peress li persuni aktar intelliġenti minni jgħidu hekk. Għalhekk, poġġejt ruħi fil-post tal-annimali u penġejt din l-istampa”.
Idejn nodfa jsalvaw il-ħajjiet
Ma jimpurtax fejn inkunu – fid-dar, f’ambjenti tal-kura tas-saħħa, fl-irziezet, fl-iskejjel jew fil-kċejjen – l-iġjene tal-idejn tajba hija mod sempliċi iżda effettiv biex tipproteġi lin-nies, lill-annimali u lis-saħħa kondiviża tagħna.
Dikjarazzjoni tal-artist
“Aħna t-300 miljun batterju li jgħixu fuq idejk — u aħna responsabbli għal ħafna mill-mard li aktar tard se tipprova tfejjaq bil-mediċina.
U jien jisimni Luca, għandi 6 snin, u se naħsel idejja tassew tajjeb. Ċaw ċaw, kollha kemm intom.”
“L-importanza tal-ħasil tal-idejn hija xi ħaġa tant ordinarja li kważi ma jitwemminx kemm tista’ tgħin biex issolvi problema daqshekk kbira. Għoġbitni l-idea li ninkludi wieħed mit-tfal tiegħi jitkellem mat-300 miljun mikroorganiżmu li għandna fuq l-idejn maħmuġin tagħna. Huwa jirrappreżenta l-popolazzjoni Ewropea kollha, u nemmen li jagħmel dan b’mod eċċezzjonali”.
Drawwiet tal-ikel sikuri, inqas infezzjonijiet
“Drawwiet tat-tisjir sempliċi jistgħu jgħinu biex jevitaw is-superbugs. Ġbart l-azzjonijiet kollha f’illustrazzjoni waħda biex infakkru lilna nfusna dwar dak li għandna naħslu qabel ma nsajru: idejna, l-utensili, l-uċuħ u l-ħxejjex. Tim tat-tindif żgħir li jieħu ħsieb kull oġġett biex jgħinna jkollna saħħa aħjar”.
Il-vaċċini jipprevjenu l-infezzjonijiet u jnaqqsu l-firxa ta’ batterji reżistenti għal ħafna mediċini (superbugs)
Inqas mard ifisser inqas bżonn ta’ antibijotiċi jew antimikrobiċi oħra, u inqas opportunitajiet biex jitfaċċaw is-superbugs. Fis-saħħa tal-bniedem kif ukoll f’dik tal-annimali, il-vaċċini jnaqqsu l-ħtieġa ta’ trattament u jgħinu biex iwaqqfu t-tixrid tal-mard.
Meta tkun ma tiflaħx, li żżomm id-distanza jagħmel differenza
Dawn il-prekawzjonijiet ta’ kuntatt meta tkun ma tiflaħx japplikaw ukoll għall-annimali li ngħixu jew naħdmu magħhom, minħabba li xi mikrobi reżistenti jistgħu jgħaddu mill-bnedmin lejn l-annimali fiż-żewġ direzzjonijiet.
Dikjarazzjoni tal-artist
“Aħseb dwar l-għażliet li jkollok meta tħossok ma tiflaħx:
Li tilbes maskra, toqgħod id-dar, taħsel idejk… biex il-mard ma jinxteridx, u jkun hemm bżonn ta’ inqas użu ta’ antibijotiċi.
Min-naħa l-oħra, li tieħu b’idejn xi ħadd u li żżomm kuntatt mill-qrib jistgħu jxerrdu l-batterji u jwasslu għal użu ikbar tal-antibijotiċi. B’riżultat ta’ dan, hemm riskju ogħla li l-batterji reżistenti jiżviluppaw u jinfirxu.
Id-differenza bejn iż-żewġ għażliet hija bħal-lejl u n-nhar”.
M’għandekx taqsam l-antimikrobiċi
“Din l-illustrazzjoni tesplora kif it-trattament huwa dejjem imfassal apposta għall-individwu. Iż-żewġ ritratti jitħalltu ma’ xulxin, iżda l-isfond tagħhom huwa differenti ħafna: wieħed bi friegħi xotti, li jirrappreżentaw l-użu ħażin u l-ħsara li jista’ jġib, filwaqt li l-ieħor juri fjuri li qed jiffjorixxu, li jissimbolizzaw it-trattament it-tajjeb u l-paċi u l-fejqan li dan jipprovdi. Il-kuntrast jenfasizza li dak li jaħdem għal xi ħadd jista’ ma jaħdimx għal ħaddieħor. Il-mediċina hija kwistjoni personali u qatt m’għandha tinqasam”.
Armi l-fdalijiet kif suppost
Dikjarazzjoni tal-artist
“Aqbad u fflaxxja l-antimikrobiċi fit-tojlit, EVA.” “Taħlix ħin tmur l-ispiżerija – armi l-mediċina fiż-żibel, EVA!” ”Dan is-Superbug tort tiegħek, John!!”
“Din hija tpinġija satirika klassika. Minflok twissija dwar dak li m’għandekx tagħmel, xtaqt nuri x’jiġri meta fil-fatt tagħmel dan, permezz ta’ diskors ordinarju ġewwa d-dar ridott għal sentenza waħda”.
L-użu responsabbli tal-antimikrobiċi fil-kura tal-pjanti u tal-għelejjel huwa importanti
“Din l-istampa turi l-kuntrast bejn, min-naħa l-waħda, il-monokultura tal-biedja industrijali fuq skala kbira fejn ta’ spiss jintużaw il-pestiċidi u, min-naħa l-oħra, is-sbuħija tal-agrikoltura fuq skala żgħira fejn għadd kbir ta’ speċijiet jitħallew jeżistu flimkien”.
Il-fiduċja fix-xjenza hija kruċjali biex jitrażżan it-tixrid tar-reżistenza għall-antimikrobiċi
L-appoġġ għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-isforzi konġunti fis-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent huwa essenzjali biex titnaqqas ir-reżistenza għall-antimikrobiċi.
“L-illustrazzjoni tiegħi titkellem dwar l-ekosistema kollha li għandna bżonn nieħdu ħsieb, mill-ħajja urbana tagħna sal-ħajja rurali, il-ħtieġa li nipproteġu u nirriġeneraw in-natura, sajd responsabbli, l-importanza tal-veterinarju… u r-riċerka u l-iskoperti xjentifiċi li jsiru biex jipproteġuna lkoll”.































